It-Tnejn, Awwissu 27, 2007

Dragut u l-bqija

Bdew il-kampjonati u d-diskussjonijiet fuq ir-riżultati u l-prestazzjonijiet. Imma jien qisni dawn inħallihom għal waqt xi kafe' jew birra. Inutli noqgħod nagħmilha ta' kowċ jien ukoll u ningħaqad mal-miljuni li diġa' jeżistu quddiem it-televixin. Minn issa nibdew insibu x'ngħidu: Baldini tal-Catania kien qisu wieħed tifel li kien jilgħab magħna fit-triq meta konna żgħar u li meta jitlef kien dejjem idur għall-oħrajn; is-sapporters tal-Milan ma tħallewx imorru Genoa għax kienu ser jipperikolaw l-ordni pubbliku wara li tnax-il sena ilu (le le, mhux eżattament ilbieraħ) kien inqatel partitarju Genoan fl-istess logħba (iva, għax wara kollox hija 'logħba'); il-United kisbu l-ewwel rebħa (forsi meta l-anqas li kien jistħoqqilhom) u issa beda anke l-kampjonat Malti.

Imma qisu l-akbar għagħa bħalissa hija din l-imbierka logħba fil-Vitorja, proprju kontra t-Torok. Ħewla din il-biċċa xogħol, u l-għażla tad-data ma kinitx koinċidenza. F'Maltam fil-kuntest tat-tim nazzjonali, diffiċilment ngħidu li għandna xi rivalita'... u għal din il-logħba ddeċidejna lli noħolquha (forsi frott l-istorja kemm kemm imċajpra li għallmuna, imma nsomma). Sakemm l-għajta sarraf biex ittella' n-nies il-grawnd, merħba biha, u prosit lil min jieħu l-inizjattiva. Anzi nittama li ma tkunx ta' darba. U ma jimpurtax x'ikun ir-riżultat: fih innifsu sabiħ li eluf ta' persuni jieħdu gost bl-okkażjoni u l-futbol ikun biss il-mezz biex xiħaġa hekk tinvolvi daqstant nies f'daqqa u jieħdu gost...l-isbaħ element tal-logħba.

It-Tlieta, Awwissu 14, 2007

Għal darba

Fuq il-midja tant mifruxa u aċċessibbli ssib bosta stejjer ta' kull tip, u spiss tispiċċa tiddubita mill-awtentiċita' jew il-ġenwinita' tagħhom. Imma din irrid nemmen li hi vera: żagħżugħ li jirrifjuta kuntratt professjonali fil-Premier League biex jibqa' jilgħab ma' sħabu dilettanti. "Ma narahiex ġusta li taqla' l-flus għal xiħaġa li wara kollox hija divertiment".

Hekk sabiħ il-futbol. Ħalluni noħlom ftit.

Il-Ħamis, Awwissu 09, 2007

It-triq lura

Dalwaqt naqbadha. U għadni ma nafx sew jekk huwa qiegħed nirrealizza li sejjer. F'Ottubru għandi nirrapporta l-uffiċċju. Mhux hawn imma, fejn meta nħares 'il barra mit-tieqa qiegħed nara ċlampu u xita nieżla bil-lajma.

Minflok għandi nkun Ta' Xbiex, inħares (nittama) lejn il-jottijiet fuq baħar żejt. U dawn is-sentejn u ftit xhur ikunu għaddew qisu qatt ma kien xejn. Meta nerġa' lura anke għal ftit jiem inħossni qisni qatt ma tlaqt. Aħseb u ara issa, li mhix vakanza.

Allura qiegħed inħares lejn l-affarijiet li kont mixtieq minnhom hawnhekk. U fuq fil-lista jkolli ngħid li hemm...erm, iva l-futbol. U iva l-familja u l-ħbieb u hekk. Imma lilhinn minn hekk, il-laqgħat tal-kumitat, tiela' u nieżel Ta' Qali (aktar is-Centenary milli l-Istejdjum Nazzjonali), iż-żmien li nqatta' naqra u nistad għal ideat ġodda li forsi jistgħu jagħtu nifs jew impetu ġdid f'ambjent ikkakkmat b'nies li għalihom il-futbol kien dak li kienu jsegwu l-Gżira.

Insomma, sejjer lura. Il-futbol Malti ma nibqax insegwih biss mill-internet u dak internazzjonali, sfortunatament, ma nibqax insegwih daqstant direttament mill-grawnd. Għalhekk ħa nilħaq nipprova mmur nara xi logħba mil-lig Franċiż qabel ma nerġa' lura. U kważi anke logħba internazzjonali tal-Lussemburgu ma rridx nitlef. Insomma, dik ma tkunx wisq differenti minn fejn sejjer...