L-Erbgħa, Ottubru 31, 2007

Rivista ġdida

Din l-entrata ta' Jean Paul tgħidx kemm ġabitli memorji. Kien iż-żmien meta ta' kull xahar kont nixtri l-Forza Milan! (u infallibbilment ommi ttertaqli qalbi biex ittini l-flus għalih - "flus fil-ħela, aħjar taqra xiħaġa sura") u ta' kull ġimgħa r-rivista Sprint (ħafna irħas, allura mingħajr wisq xenati, jew forsi kien ikolli xiħaġa fil-but).

Minn dak iż-żmien 'l hawn ma reġax kellna inizjattiva editorjali stabbli fil-kamp sportiv. Mingħajr dubju, f'Malta tgħallem il-liġi tas-suq, u aktar ma jiżdiedu l-mezzi aktar isir diffiċli li tippenetra d-drawwiet tan-nies. Imma għal xi raġuni nemmen li jekk hawn settur li fih tista' tkampa xiħaġa hekk, dan huwa l-isport, speċjalment lokali. Ma ninsewx li llum jekk dħalt id-dar tard u trid tara r-riżultat tat-tim favorit tiegħek (għalkemm skond ir-regoli morali ta' kull sapporter, jekk lagħab it-tim tiegħek kellek tkun ġewwa tara l-logħba u mhux tiġġerra barra), kull m'għandek tagħmel hu li tixgħel il-kompjuter u tara mhux biss ir-riżultat, imma anke l-kummenti tal-protagonisti u xi opinjonijiet oħra. Jiġifieri, ftit jifdal spazju għal kontributi oħra.

Imma l-istampa hija kompletament differenti fil-kuntest lokali. Tant nies huma involuti b'xi mod fl-isport, fuq kull livell, imma ftit kompetizzjonijiet jingħataw spazju lilhinn minn żewġ linji bir-riżultati fil-gazzetta. M'hemmx artikolisti li jikkummentaw x'inhu jiġri u x'inhu mistenni, u forsi jħolqu xi kontroversja b'kitba tajba ħielsa mill-clichés tas-soltu.

Nittama li fuq dan jiffoka Sportiv. Good luck!

L-Erbgħa, Ottubru 03, 2007

On a roll

Mela wara r-riżultat tan-nazzjonal kontra t-Turkija bqajna għaddejjin b'mumenti mill-aqwa għall-futbol Malti. Is-serata maġika li kellu Michael Mifsud f'Old Trafford kienet fuq fomm kulħadd, u proprju l-fatt li kulħadd sebaħ jitkellem fuq plejer Malti fix-xena internazzjonali kien l-isbaħ aspett ta' dan l-avveniment. Min soltu ma jinteressahx, jew x'aktarx huwa ċiniku fuq il-futbol f'Malta, kellu jigdem ilsienu u joqgħod jisma' l-paraguni sproporzjonati li bdew isiru fil-midja. Il-ħaġa li laqtitni wkoll hija li Michael (għax issa f'daqqa waħda kulħadd qed jgħajjatlu b'ismu qisu kulħadd jiekol il-kirxa miegħu) ingħata ċ-ċans ikun ma' l-ewwel ħdax fiż-żewġ logħbiet li ġew wara l-Carling Cup, u fit-tnejn sab ix-xibka. B'hekk l-attenzjoni baqgħet kostanti hux ħażin.

Min-naħa l-oħra, il-kampjonat Malti baqa' għaddej b'riżultati interessanti. Il-Furjana għadhom quddiem (issa ilu naqra ma niftakruhom hemm!), qisu kulħadd jista' jirbaħ lil kulħadd, u nittama li t-taqtigħa ddum sejra hekk għal aktar żmien.