Il-Ġimgħa, Awwissu 29, 2008

Stennija

Daż-żmien idejjaqni. Qisek tkun trid taqta' l-għatx bil-perżut. Kulħadd jitkellem fuq iċ-ċaqliq ta' dak u l-ieħor, imma logħob ftit li xejn. U x'logħob! Partiti ta' ħbiberija qisek qed tara 'l nannti tippassiġġa max-xatt. Ikollok sebgħa mitt sena biex tara l-akkwist il-ġdid tat-tim tiegħek, imma jkollok titqanna b'xi tifel tal-youths. Insomma, issa drajna. Tournaments bla sens għax fis-sajf ukoll hemm bżonn il-flus tad-drittijiet tat-televixin. Ħalliha li Chalsea-Milan jiġu 5-0.

Imbagħad ikun hemm il-kurżita' tal-preliminari tal-kompetizzjonijiet Ewropej. M'għandniex xi ngħidu, kif tfixklina minn meta waqa' l-ħajt ta' Berlin! Issa qajla għadni niftaħar li naf dwar il-maġġornaza tat-timijiet tal-futbol Ewropej, jew li naf il-ġeografija ta' l-Ewropa bis-saħħa tal-futbol. Mhux ta' b'xejn il-UEFA ddeċidiet li taqsam il-preliminari tat-tazza UEFA f'reġjuni - għallinqas nippruvaw insegwu t-timijiet tan-naħat tagħna...