Irrid ngħix, irrid naqra kull ma jinkiteb, irrid nisma' kull ma jindaqq u kull ma jittanbar u jitqies leġġenda. Irrid ngħid tiegħi dwar il-Kunsilli u l-Lvant Nofsani. U dwar ir-raġġiri tas-setgħana. Irrid inlaħħaq ma' l-espansjoni tal-Google u ta' l-Arcelor. U rrid inmaqdar lill-Inter u lil Bush fl-istess nifs. Għax id-dinja ma ddurx oħra jekk nimmissja l-aħħar rebbieħ tal-Pulitzer. U rrid nikteb?
U mbagħad jgħiduli nifhem f'kollox. U ma nkun nifhem xejn. U ma nkun nifhem f'xejn. Imma nifhem fl-immigranti u għaliex għandna nkeċċuhom 'l hemm. U fin-nukleari, għaliex l-Iran m'għandux skop ta' paċi, imma l-bqija iva. Għaliex m'jien ngħid xejn ġdid. U xorta nikteb.