Il-Ġimgħa, Marzu 07, 2014

In-nazzjonal u l-plejers ta' Valletta



Smajna ħafna battibekki fuq il-kwistjoni tal-plejers ta' Valletta u l-esklużjoni tagħhom mit-tim nazzjonali għal kontra l-Albanija.

Bħas-soltu, dur dur b'xi mod it-tort ikun dejjem tal-MFA. Ħafna deherilhom li Valletta ma mxewx tajjeb. Kien hemm min qal li għandhom jiġu ppenalizzati bħala klabb u mhux jeħlu l-plejers, anki għaliex ir-raġuni mogħtija kienet waħda 'teknika'.

Forsi f'din il-ġustifikazzjoni kien hemm nuqqas kważi kważi semantiku. Imma ftit nara għażliet li kellha quddiemha l-MFA. Il-kwistjoni ddur fuq ftehim volontarju u informali (għax mhux miktub) bejn il-klabbs tal-Premier u l-MFA. F'dan is-sens, jekk kien hemm dispett, dan sar fil-konfront tal-klabbs l-oħra daqs kemm tat-tim nazzjonali.

Fil-fehma tiegħi, li kieku kellha l-MFA tippenalizza lil Valletta bħala klabb, dawn kien ikollhom difiża faċli: ir-regoli tal-FIFA jobbliga lill-klabbs jirrilaxxaw lill-plejers għal logħob internazzjonali (meta dawn jintlagħbu f'ġurnata li tkun indikata fil-kalendarju tal-logħob internazzjonali):

- 4 ijiem qabel fil-każ ta' logħob ta' kwalifikazzjoni (kultant 5 ijiet, skont il-każ)
- 48 siegħa fil-każ ta' data allokata għal-logħbiet ta' ħbiberija.

Mela l-MFA ma setgħetx tagħmel wisq fil-konfront ta' Valletta.

Ovvjament, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-Belt kellhom ftehim mal-klabbs l-oħra u l-MFA, u li kisruh. U ma jnaqqas xejn mill-fatt li allura l-MFA aħjar timxi bil-pinna u l-klamar u tifformalizza kull ma jiġi miftiehem.

Imma mbagħad...tista' tiftiehem fuq perjodu itwal minn dawk imsemmija fir-regoli tal-FIFA? U bil-kunsens tal-klabbs stess? Dawn il-mistoqsijiet li rridu nistaqsu għall-futur. Inutli nippuntaw subgħajna.





No comments:

Post a Comment