Il-Ġimgħa, Marzu 21, 2014

Il-globalizzazzjoni fir-riżultati



Kien hemm żmien meta fil-kompetizzjonijiet Ewropej kont tara jaslu lin-Nottingham Forest, lill-Hamburg, Ipswich, Aberdeen, Sampdoria...

Illum? Għodduhom, u taraw li mhux aktar minn 32 tim irnexxielhom jagħmluha tal-anqas sal-kwarti tal-finali fl-aħħar 10 snin! U erbgħa minnhom tfaċċaw darba; erbgħa oħra rnexxielhom darbtejn. Jibqa' l-miżerja ta' 24 tim, li bejniethom jilagħbu għall-unuri sena wara sena.

Bħal fl-ekonomija, fejn 99% tal-ġid jinsab għand 1% tal-popolazzjoni, fil-futbol sirna rridu nikkuntentaw naraw nofs tużżana timijiet jitqabdu sena wara l-oħra.

Kemm taħsbu li jista' jdum ikampa l-futbol hekk? It-tlielaq tal-Formula 1 għaddew minn ċiklu simili: snin li fihom id-domanda splodiet, hekk kif iffjorixxa l-prodott televiżiv, biex illum l-udjenza dinjija waqgħet b'mod drastiku.

Forsi għax it-tim favorit tiegħi mhux fost dawk in-nofs tużżana, imma nixtieq nerġa' nara tim bħall-Vicenza (tiftakruhom fis-semi finali tat-Tazza tat-Tazzi kontra ċ-Chelsea?), il-Parma....jew il-Milan! :)

Il-Ħamis, Marzu 13, 2014

Iż-żraben li jmiss


Iltqajt ma' dan l-artiklu fuq L'Equipe li janalizza l-aħħar battalja - waħda minn ħafna - bejn in-Nike u l-Adidas. Mid-dehra t-tnejn li huma qed jippruvaw ikunu tal-ewwel li joħorġu b'idea għal tip ta' żarbun tal-futbol ġdid.

Nike Magista u Adidas Primeknit huma ż-żewġt iżraben fir-ritratt. Aktar ifakkruk fil-basketball, imma mid-dehra diġà ppruvawhom xi plejers kbar fit-training. Fosthom Mario Götze. Mhux insinifikanti meta tqis li l-Adidas huma mhux biss sponsors eterni tal-Bayern, imma anki shareholders.



Jidher li għadu mhux deċiż meta se jitnedew fil-verità. In-Nike jinsabu f'fażi aktar avvanzata u hemm min qed  jgħid li nistgħu naraw dawn iż-żraben anki fiċ-Champions League. M'għandniex xi ngħidu, l-akbar vetrina hi t-Tazza tad-Dinja (Cristiano Ronaldo, li huwa fost l-immaġni ewlenin tan-Nike, diġà qal li mhux se jkun qed juża dan iż-żarbun). 

Skont l-istess ariklu, Ronaldo s'issa akkumula €148 miljun matul il-karriera tiegħu, €2 miljuni aktar minn Messi.

Il-proporzjon tal-flus li jaqla' Ibrahimovic mal-goals li jiskurja huwa ta' €394,595 għal kull goal.

U bilħaqq...il-Magista mistenni jkun jiswa xi €275. Ara meta tifel jibda jgħid lil missieru, "Pa, irrid żarbun tal-futbol ġdid!"

L-Erbgħa, Marzu 12, 2014

Għadhom jeżistu dawn...


Kultant ifeġġu każi li jkebbsu ftit tama li forsi fil-futbol fadal ftit rispett u rġulija. Ftit huma, imma anki għalhekk ta' min jippromwovihom.

Veru li t-tim kien qed jirbaħ 2-0 diġà, imma l-plejer ma damx jaħsibha biex jindika li ma kienx penalty. Tgħid kieku kienu 1-0 minn taħt kien jagħmel l-istess? Irrid nemmen li iva. Probabbli lanqas jekk tistaqsi lill-plejer innifsu ma jkun jaf...

)

It-Tnejn, Marzu 10, 2014

L-unika ħaġa li fadlilna


Għal min għadu ma rahx, dan hu l-video #numru 12 - maħdum tajjeb u jżommok tarah. Inizjattiva ġenwina ta' min iħobb il-futbol.

Mingħajr tlaqliq inħoss li l-kontribut ta' nies bħal dawn, kif ukoll tal-media in ġenerali, irendu l-futbol Malti aktar attraenti milli fil-fatt hu! Jekk toqgħod taħseb, f'din in-naqra ta' gżira nirreplikaw kull ma naraw fil-futbol professjonali - kummentarji tal-logħob, analiżi warajhom, features, kontroversji, eċċ. Dan kollu madwar kompetizzjonijiet li f'termini ta' numri lanqas jikkumparaw mal-Counties fl-Ingilterra, jew il-Provincie fl-Italja.

Imma dik hi. Il-passjoni ma tħarisx lejn id-daqs jew il-livell. L-isfortuna hi li qed nabbużaw bil-kbir mill-fatt li l-futbol jibqa' in demand. Imma, kif jgħid il-messaġġ ċentrali tal-video - jekk inħarsu lejn l-attendenzi fil-grounds tagħna, l-istampa hi allarmanti. U jekk nitilfu l-parti s-sabiħa tal-logħba - il-passjoni - ma jkun fadal xejn. Nistgħu ma nilagħbux.

Il-Ġimgħa, Marzu 07, 2014

In-nazzjonal u l-plejers ta' Valletta



Smajna ħafna battibekki fuq il-kwistjoni tal-plejers ta' Valletta u l-esklużjoni tagħhom mit-tim nazzjonali għal kontra l-Albanija.

Bħas-soltu, dur dur b'xi mod it-tort ikun dejjem tal-MFA. Ħafna deherilhom li Valletta ma mxewx tajjeb. Kien hemm min qal li għandhom jiġu ppenalizzati bħala klabb u mhux jeħlu l-plejers, anki għaliex ir-raġuni mogħtija kienet waħda 'teknika'.

Forsi f'din il-ġustifikazzjoni kien hemm nuqqas kważi kważi semantiku. Imma ftit nara għażliet li kellha quddiemha l-MFA. Il-kwistjoni ddur fuq ftehim volontarju u informali (għax mhux miktub) bejn il-klabbs tal-Premier u l-MFA. F'dan is-sens, jekk kien hemm dispett, dan sar fil-konfront tal-klabbs l-oħra daqs kemm tat-tim nazzjonali.

Fil-fehma tiegħi, li kieku kellha l-MFA tippenalizza lil Valletta bħala klabb, dawn kien ikollhom difiża faċli: ir-regoli tal-FIFA jobbliga lill-klabbs jirrilaxxaw lill-plejers għal logħob internazzjonali (meta dawn jintlagħbu f'ġurnata li tkun indikata fil-kalendarju tal-logħob internazzjonali):

- 4 ijiem qabel fil-każ ta' logħob ta' kwalifikazzjoni (kultant 5 ijiet, skont il-każ)
- 48 siegħa fil-każ ta' data allokata għal-logħbiet ta' ħbiberija.

Mela l-MFA ma setgħetx tagħmel wisq fil-konfront ta' Valletta.

Ovvjament, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-Belt kellhom ftehim mal-klabbs l-oħra u l-MFA, u li kisruh. U ma jnaqqas xejn mill-fatt li allura l-MFA aħjar timxi bil-pinna u l-klamar u tifformalizza kull ma jiġi miftiehem.

Imma mbagħad...tista' tiftiehem fuq perjodu itwal minn dawk imsemmija fir-regoli tal-FIFA? U bil-kunsens tal-klabbs stess? Dawn il-mistoqsijiet li rridu nistaqsu għall-futur. Inutli nippuntaw subgħajna.