Din id-darba l-kwistjoni donnha deja vu'. L-isfidant huwa mill-ġdid Norman Darmanin Demajo. Tiftakru l-armonija li kellhom bejniethom dawn it-tnejn meta t-tnejn kienu jkunu fuq l-istess mejda? Issa l-kontestazzjoni hija uffiċjali, u probabbli tista' tkun paġna importanti fl-amministrazzjoni tal-futbol f'pajjiżna. Diffiċli wieħed ikejjel it-tendenzi tad-delegati li ser jitfgħu l-vot tagħhom nhar is-Sibt. Kif inhu magħruf, f'dawn is-sitwazzjonijiet anke jekk wieħed ikollu ħjiel qabel, ħafna drabi l-eżitu xorta waħda jkun differenti. Ħadd ma jkun ma' l-individwu li jivvota, irrispettivament mill-klabb li jirrappreżenta (patetika, imma tiġri). U kemm-il darba l-kontestanti jibqgħu b'xiber imnieħer wara li kulħadd ikun wiegħdhom appoġġ. Nistennew u naraw.
Aktar kien (nofs) sorpriża għalija l-involviment ta' Pippo Psaila. Forsi kien ta' min jistennih wara li esprima pubblikament l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax Direttur Sportiv tal-Kumitat Olimpiku, kariga li ilu jokkupa għal 14-il sena. Is-Sur Psaila kulħadd jafu bħala l-ex kowċ tat-tim nazzjonali, li fl-opinjoni ta' bosta kien x'aktarx l-aktar wieħed ta' suċċess (jew forsi l-aktar wieħed li gawda popolarita'). Il-kapaċita' tiegħu, kemm teknika kif ukoll amministrattiva, ma jista' jiċħadha ħadd, u wieħed ma jistax ma jikkonkludix li l-involviment mill-ġdid tiegħu fil-futbol ikun ta' siwi kbir. Minkejja li ma naf lil ebda wieħed personalment, huwa magħruf li Psaila u Darmanin Demajo ħadmu ħafna flimkien. L-amministrazzjoni tal-klabb tal-Luxol li huma involuti fiha hija waħda eżemplari, fejn sar investiment kbir fl-infrastruttura u fl-istruttura ta' l-iżvilupp minn etajiet żgħar.
Min-naħa l-oħra s-CV ta' Dr Mifsud huwa mill-aktar rispettabbli fix-xena tal-futbol internazzjonali. Kemm ilu fit-tmun ta' l-MFA sar tibdil kbir u ħafna deċiżjonijiet ittieħdu bl-għarfien minn qabel ta' dak li jkun qiegħed jiġi deċiż fuq livell Ewropew u dinji (il-liċenzji għall-klabbs huma eżempju wieħed, li tant sabu oppożizzjoni mill-klabbs imbagħad kienu imposti mill-UEFA nnifisha). Dak li jiddistingwieh minn oħrajn li jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-klabbs huwa li jaħseb aktar f'termini tal-logħba in ġenerali u mhux ta' l-element kompetittiv tagħha. Ħaġa li napprezza ħafna personalment.
Issa. Huwa fatt magħruf li dawn it-tlieta ma jaħdmux jekk mhux ma' dawk leali lejhom. Xi tkun is-sitwazzjoni jekk kwalunkwe minnhom ikollhom jaħdmu ma' nies li ma jappoġġawx il-veduti tagħhom. Fil-fatt hija ħasra u inevitabbli li xiħadd (jew aktar minn wieħed) minnhom jitlef u jinqata' kompletament mill-ambjent tal-futbol. Li nispera (forsi ideali wisq) huwa li l-għan ikun dejjem li titħares il-logħba u mhux l-interessi suġġettivi li jagħmlu parti minnha. L-element ta' kompetizzjoni huwa importanti, imma t-tazzi u s-suċċessi tal-klabbs jiġu u jmorru, filwaqt li s-sostenibbilta' ta' l-assoċjazzjoni u tal-klabbs tibqa' l-bażi l-aktar fundamentali. Min iħarisha l-aktar?
No comments:
Post a Comment