It-Tlieta, Lulju 24, 2007

Wegħdiet

Biex inkompli fejn ħallejt. Din il-ġimgħa rajt dan ir-rapport fejn Norman Darmanin Demajo, wieħed miż-żewġ kandidati għall-presidenza fl-elezzjoni ta' l-MFA spjega l-programm tiegħu fl-eventwalita' li jkun elett. Fl-istess nifs, f'dawn l-aħħar ġimgħat rajna sensiela ta' inawgurazzjonijiet, mill-kwartieri l-ġodda ta' l-assoċjazzjoni fil-Millenium Stand sal-wiċċ il-ġdid fis-Centenary Stadium.

Issa. Jiena nifhem li l-element ta' politika fil-makkinarju ta' l-amministrazzjoni huwa neċessarju biex wieħed jaċċedi għal ċerti karigi. Nifhem li trid tkun attraenti biex tiġbed lil min ser jivvota u turi x'għamilt jew x'bi ħsiebek tagħmel. Iżda wisq nibża' li dan qiegħed isir mhux biss biex id-delegati li għandhom vot ikunu infurmati aħjar. Hawnhekk qiegħed jittieħed kapital minn nuqqas kbir li għandna fil-futbol (u fl-isport kollu) Malti.

Kif nixba' ntenni, iċ-ċokon tagħna jimmanifesta ruħu f'kull aspett, mhux anqas l-isport u t-tmexxija tiegħu. Diffiċli jkun hemm biżżejjed riżorsi umani bil-kompetenza u l-esperjenza neċessarja biex imexxu, f'kuntest fejn l-organizzazzjoni tal-logħba tirrikjedi ħafna, irrispettivament mil-livell tekniku milħuq. Dan in-nuqqas diġa' jinħass fuq il-livell ta' l-assoċjazzjoni, aħseb u ara fuq il-livell tal-klabbs. B'kompetenza nifhem l-għarfien (professjonali/akkademiku u mhux) neċessarju biex tim ta' nies imexxu klabb b'missjoni maħsubha fit-tul. X'inhi l-missjoni ta' klabb? Kemm tazzi jirbaħ fl-aħħar ta' l -istaġun? Mhux biss. Il-missjoni hija usa' mir-riżultati fil-grawnd. Amministrazzjoni kompetenti fil-fehma tiegħi tirrikjedi pjan biex il-klabb ikun stabbli u sostenibbli, permezz ta' l-infrastruttura xierqa li trendi lura l-frott kemm fil-grawnd kif ukoll fl-uffiċċju. Naf x'jiġifieri li tkun involut fi klabb fejn l-għajnuna f'termini ta' jdejn kif ukoll imħuħ tkun verament skarsa. U huwa għalhekk li dejjem niġġustifikaw irwieħna li mn'alla jkunu l-ftit voluntiera li jagħtu l-ħin tagħhom għall-klabbs. Min-naħa l-oħra dan iwassal biex il-klabbs jilqgħu fi ħdanhom lil kull min joffri kontribut, ikun xi jkun. Dan m'inix ngħidu bi kritika lejn min jipprova jagħti sehmu, minkejja li ma jkunx xi espert. Anzi. Is-suspett tiegħi huwa li n-nuqqas ta' professjonaliżmu li jeżisti fil-klabbs minħabba r-raġunijiet li għadni kemm tajt jiġi użat/abbużat/sfruttat f'okkażjonijiet ta' natura politika bħalma hi l-għażla tat-tmexxija ta' l-assoċjazzjoni.

Possibbli allura li l-klabbs jagħmew wara ftit mijiet ta' kontanti mwiegħda? Sfortunatament iva. Possibbli li l-klabbs jivvutaw (esklussivament) skond l-interessi suġġettivi tagħhom? Probabbilment il-maġġoranza iva. U l-maġġoranza l-kbira tar-rappreżentanza fl-MFA hija tal-klabbs. U allura, dan jittraduċi ruħu fi programmi 'elettorali' li jiffukaw fuq il-wiegħdi u mhux fuq il-ġid tal-logħba. U dan ma jifhmuhx il-maġġoranza tal-klabbs. Ibda minn l-akbar fosthom fil-premier. Ma jirrealizzawx li huma interdipendenti u li qabel ma jaraw kemm ħa jirbħu tazzi, irid ikun hemm strutturi sodi li jipproteġu l-logħba. Huwa minnu li l-klabbs huma essenzjali, iżda huwa minnu wkoll li l-assoċjazzjoni m'hijiex biss il-klabbs, u d-distinzjoni għandha tkun netta.

Ma jkunx lok li r-rappreżentanza fl-MFA tiżdied għal entitajiet ġodda, ngħidu aħna l-plejers u l-kowċis, li għandhom rwol ċentrali fil-logħba? U min-naħa l-oħra, verament il-klabbs jaħsbu li biex ikampaw iridu joqogħdu jistennew il-manna mill-MFA? Mhux aħjar li jivvintaw lilhom infushom mill-ġdid b'mod li jsiru verament finanzjarjament indipendenti u sostenibbli? L-impressjoni tiegħi hi li l-parti l-kbira m'għandhomx paċenzja; jekk mhux il-kumitat, is-sapporters, u jekk mhux is-sapporters il-president li qed idaħħal idu fil-but. Iżda bil-paċenzja l-klabb jinvesti fl-infrastruttura u fit-tfal, u dawk inaqqsu l-ispejjeż u possibbilment iżidu d-dħul. Meta r-rota tibda ddur it-tama hi li dawk ir-riżorsi (umani) tant neqsin jibdew jitkattru. U mhux bil-manna mill-MFA...

No comments:

Post a Comment