It-Tlieta, Novembru 20, 2007

Meta se nindunaw?

Frustranti wisq meta tkun trid u ma tistax. Min jaf kemm iħossuha individwi li volontarjament jagħtu sehemhom fl-amministrazzjoni ta' xi sport (jew anke oqsma oħra). Trid u ma tistax, għax m'għandekx riżorsi, għax m'għandekx nies jew sempliċiment għax issib bibien jingħalqu f'wiċċek.

Nuqqas li tant jitfagħna lura huwa dak fl-infrastruttura. Mhux qed nitkellem dwar stadia daqs il-Maracana...qed nitkellem dwar pitch diċenti mgħammar bi dressing rooms, xi żewġ uffiċċji fejn tista' tagħmel laqgħa jew attività, u forsi bar - f'kull raħal. Qed nitlob id-dinja? Hija proposta li taqa' daqshekk lura fil-prijoritajiet ta' min imexxi? Taqta' ftit eċċezzjonijiet, iva.

L-impressjoni li kelli fil-Lussemburgu kienet li n-nies hemmhekk bil-kontra: jistgħu imma ma jridux. Għandhom il-faċilitajiet li aħna noħolmu, imma fl-isport għażżenin u anonimi mhux ħażin xorta waħda, tant li jħaqquha magħna (għalkemm mhux fid-dixxiplini kollha). Jien, li hawn Malta bħala plejer (!) lanqas kont ninġabar fit-Tielet Diviżjoni, hemmhekk kont nilgħab f'lig bejn il-kumpaniji fi grawnds bil-ħaxix (u mhux kwistjoni ta' xita u temp għax ħaxix artifiċjali hemm ukoll), bil-faċilitajiet kollha miżmuma bl-akbar attenzjoni - f'kull biċċa raħal fejn nesa' l-karkura x-xitan, li ħdejhom Birżebbuġa tidher metropoli. Taqta' l-faċilitajiet ta' l-MFA, f'Malta tgħoddhom fuq subgħajk ta' id waħda l-klabbs li għandhom dawn il-faċilitajiet. F'moħħi jiġuni l-Hibs, St Andrews u forsi l-Ħamrun (il-Furjana jekk iridu). St Andrews, tim li jikkompeti fit-Tieni Diviżjoni (mhux fix-xinxilli tal-Premier) għandu l-aqwa faċilitajiet u waħda mill-aħjar skejjel għat-tfal.

Naf li l-paragun jinxtamm qisu cliché, imma inevitabbli. Naf li l-gvern lokali fl-irħula lokali fil-Lussemburgu jkollu baġit daqs kemm ikollhom erba' kunsilli minn tagħna. Imma l-infrastruttura sportiva hija proprju l-għeruq ta' l-iżvilupp sostenibbli tal-klabbs, tal-kompetizzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar tal-logħba nnifisha. Biex ma nsemmux saħħet in-nies li jipprattikaw xi sport u l-effett pożittiv indirett għaliex ikun hemm inqas pressjoni fuq is-servizz tas-saħħa pubbliċi.

F'Malta, lanqas jekk trid tagħmel dan ma tista'. Lanqas jekk klabb (u l-membri tiegħu) jissallab biex iġib il-finanzi meħtieġa. Trid post fejn! U biex klabb jingħata art fejn jista' jsir żvilupp utli (mhux blokka appartamenti b'garaxxi taħthom), emmnuni aktar faċli nirbħu t-tazza tad-dinja. Hemm min irnexxielu, imma forsi hawn tidħol il-logħba politika taċ-"ċejċa fid-distrett tiegħi". X'jibqa' fik li ġej u sejjer laqgħat u tħabbel moħħok fuq pjan fit-tul għas-sostenibbiltà ta' klabb żgħir? Mhux qed ngħid li kull klabb li rnexxielu jagħmel din il-qabża, għamilha għax ġie ffavorit. Altru minn hekk - hemm min iservi ta' mudell, xi wħud semmejthom hawn fuq. Imma din hi l-impressjoni li tieħu meta tkun għadek tittama li l-kabb tiegħek xi darba jingħatalu grawnd fejn jilgħab u jittrenja (immaġina mekkanik bla garaxx, furnar bla forn).

Qed ngħid dan proprju meta l-MFA nediet programm ta' fondi mill-UEFA maħsub għa proġetti infrastrutturali fil-klabbs. Meta nisma' min jgħid li l-MFA għandha tgħin aktar lill-klabbs nibda naqbeż minn ġewwa. L-assoċjazzjoni nazzjonali m'għandhiex tkun il-father christmas li jduru lejh il-klabbs. Il-futbol ikun vera b'saħħtu meta l-klabbs ikunu jkampaw waħedhom - mingħajr ma jiddependu fuq il-bwiet fondi ta' l-individwi. Li jiġi mingħand l-assoċjazzjoni huwa kollu fsied: li nilagħbu l-kampjonati fi grawnds bil-ħaxix għal wieħed, tnejn u issa ġej it-tielet wieħed (għall-youths) f'Ta' Qali huwa grazzi għall-assoċjazzjoni. Fil-verità għandhom ikunu l-klabbs li jkollhom dawn il-faċilitajiet. U għandha tiġi mill-gvernijiet, possibbilment permezz tal-kunsilli lokali, li jagħmluha possibbli. Biex min irid jaħdem, ikun jista'. U jkun qiegħed jagħti servizz mhux biss lill-klabb tiegħu, imma lil komunità sħiħa.

Imma mbagħad il-famuża "issa ċ-ċans li jtukom widen, għax ġejja l-elezzjoni"...

No comments:

Post a Comment