It-Tlieta, Novembru 13, 2007

Il-perspettiva ilha li ntilfet

1.
Ir-riklam għaddej qisu mhux hu, bil-flash player u x'naf jien, jalterna bejn Cannavaro jgħolli t-tazza tad-dinja, bit-tbissima solari tiegħu, u karozza Taljana li tinbiegħ daqs il-qubbajd. Nofs skrin 'il bogħod, u n-naħa fejn qed naqra dinja oħra. Din il-Gazzetta dello Sport, din l-Italja tal-ballun. Sal-bieraħ kont għoddok tittarrax bil-caroselli ta' campioni del mondo, u il cielo era azzurro sopra Berlino.

Sadanittant erġajna lura nilagħbu fil-grawnds qishom gaġeġ u scaffoldings, bil-barrikati kull fejn tara u numru (żgħir) ta' nies li jidħlu qishom sejrin għall-gwerra. Sadanittant inqatel pulizija waqt xogħlu. Sadanittant rajna xeni li jħaqquha ma' l-agħar protesti tan-no global wara li t-traġedja ta' sapporter ittieħdet bħala pretest biex b'xi mod tiġġustifika r-ribelljoni kontra min xogħlu jżomm l-ordni.

Parole, parole, parole, ma tistenniex mod ieħor. Parole li għadhom friski f'moħħna għax kien biss fi Frar li għadda li smajna l-istess diskussjonijiet u qrajna l-istess artikli. Ir-riżultat huwa strixxun 10-100-1000 Raciti. Għall-ftit mill-ftit li jaqraw dan il-blogg li ma jafux, Raciti huwa kunjom il-pulizija li kien inqatel f'Catania. Dan hu l-mission statement ta' dawn in-nies.

Fejn jidħol il-futbol? X'għandha x'taqsam il-logħba ħdax kontra ħdax, ballun, referi u assistent ma' dan kollu? Xejn. Huwa fenomenu soċjali iva, u dak jirrikjedi reazzjoni mod fuq tul ta' żmien: fuq kollox edukazzjoni akkumpanjata b'miżuri ġudizzjarji. Iżda l-ħarsien tal-logħba mill-manipulazzjoni u l-istrumentalizzazzjoni tirrikjedi reazzjoni mod ieħor. Nies b'valuri ta' vjolenza assoċjati mal-logħba titfagħna fl-abbissi ta' l-oppost tal-pjaċir li suppost ittina.

...U jien ukoll qed inżid mal-paroli. Xi dwejjaq.


2.
Biex naqta' mill-ipokrizija tal-kuntest patetiku Taljan, kont qed nistenna bil-ħerqa l-logħba tal-Coventry. La lagħbu t-Tnejn kien ċans tajjeb biex nara logħba oħra ta' Michael Mifsud. Wasalt tard, u biex żgur ma nitlef xejn intfajt fuq is-sufan bi platt għaġin fuq ħobbi. Mhux se nkompli ngħidilkom kif sħittu ma' l-ewwel erba' furkettati. Tistgħu taraw hawn.

3 comments:

  1. Iva hi ta Mifsud kerha. Missieri mar il-Brittania ma Karl. Missieri biex jara l-Coventry u Karl l-Arsenal. L-istess reazzjoni tieghek kellu nahseb.

    ReplyDelete
  2. jitghallem minnha nahseb, kienet id-derby u kien entuzjast izzejjed :(

    ReplyDelete
  3. Jien kont f'bar Irlandiz nhar it-Tnejn li ghadda, ghax konna qed niccelebraw is-sistema ta' l-Ewro l-gdida li giet introdotta ghax-xoghol (fil-verita, ma tahdimx, izda jekk trid kalkoli ghad-drakkma Griega taf tinzerta erba' sommiet mhux hazin). Naf li sakemm wasalt f'dan il-bar bil-gakketta ta' l-Arsenal, sehibna Mike kien diga tkecca u Adebayor kien diga tilef hames passes semplici.

    Fuq il-kampjonat Taljan: jien Milanist, jiddispjacini li minbarra hafna loghob difensiv, dan il-kampjonat tilef il-prestigju tieghu fost skandli ta' korruzzjoni, finanzjarji (tiftakruh lil Cragnotti??) u issa vjolenza. Il-kampjonat Awstrijaku nahseb aktar interessanti.

    ReplyDelete