Il-Ħadd, Lulju 29, 2007

Min rebaħ?

52-49 verament riżultat imdendel fuq xagħra. Il-verdett qiegħed hemm, imma l-messaġġ ukoll. Id-delegati ta' l-MFA għażlu mill-ġdid lil Dr Mifsud biex jibqa' fl-ogħla kariga ta' l-assoċjazzjoni.

Inzertajt qiegħed Malta għal btala, u għalhekk stajt insegwi l-midja aktar mill-qrib: xejn ħlief is-soltu rapport ta' żewġ paġni fil-gazzetti tal-Ħadd. Bażikament rakkont tar-rapporti ppreżentati waqt il-laqgħa. Possibbli ħadd ma jaqagħlu f'moħħu li japprofondixxi kemm kemm b'opinjoni, b'interpretazzjoni ta' l-eżitu tal-laqgħa u tal-prospettivi tajbin u ħżiena tal-futbol lokali? Ikolli ngħid li l-input tal-mezzi tax-xandir fl-iżvilupp ta' l-isport huwa nieqes ħafna f'Malta. Kif nistgħu ntejbu dak li niksbu jekk m'għandna l-ebda ħjiel ta' rispons - mill-pubbliku li jassisti mill-grawnd jew minn fuq is-sufan, mill-ġurnalisti suppost speċjalizzati (li ma jeżistux bil-gzuz, u li forsi s-suq ma jippermettix), u mid-diretti interessati l-amministraturi?

Lura għall-MFA. L-okkażjoni titlob li nifirħu lil Dr Mifsud u l-kollegi li reġgħu ġew eletti, kif ukoll lill-ftit uħuh ġodda. Nawgurawlhom ikomplu x-xogħol tajjeb li jagħmlu fl-assoċjazzjoni u li jtebuh. Il-proġetti mħabbra huma ta' min iħares lejhom b'ottimiżmu. Prosit ukoll lil min ma telgħax, min bi ftit u min b'ħafna. Dan ifisser li l-proġetti tagħhom kienu kredibbli wkoll, u li hemm bosta persuni li jridu jagħtu kontribut.

It-Tlieta, Lulju 24, 2007

Wegħdiet

Biex inkompli fejn ħallejt. Din il-ġimgħa rajt dan ir-rapport fejn Norman Darmanin Demajo, wieħed miż-żewġ kandidati għall-presidenza fl-elezzjoni ta' l-MFA spjega l-programm tiegħu fl-eventwalita' li jkun elett. Fl-istess nifs, f'dawn l-aħħar ġimgħat rajna sensiela ta' inawgurazzjonijiet, mill-kwartieri l-ġodda ta' l-assoċjazzjoni fil-Millenium Stand sal-wiċċ il-ġdid fis-Centenary Stadium.

Issa. Jiena nifhem li l-element ta' politika fil-makkinarju ta' l-amministrazzjoni huwa neċessarju biex wieħed jaċċedi għal ċerti karigi. Nifhem li trid tkun attraenti biex tiġbed lil min ser jivvota u turi x'għamilt jew x'bi ħsiebek tagħmel. Iżda wisq nibża' li dan qiegħed isir mhux biss biex id-delegati li għandhom vot ikunu infurmati aħjar. Hawnhekk qiegħed jittieħed kapital minn nuqqas kbir li għandna fil-futbol (u fl-isport kollu) Malti.

Kif nixba' ntenni, iċ-ċokon tagħna jimmanifesta ruħu f'kull aspett, mhux anqas l-isport u t-tmexxija tiegħu. Diffiċli jkun hemm biżżejjed riżorsi umani bil-kompetenza u l-esperjenza neċessarja biex imexxu, f'kuntest fejn l-organizzazzjoni tal-logħba tirrikjedi ħafna, irrispettivament mil-livell tekniku milħuq. Dan in-nuqqas diġa' jinħass fuq il-livell ta' l-assoċjazzjoni, aħseb u ara fuq il-livell tal-klabbs. B'kompetenza nifhem l-għarfien (professjonali/akkademiku u mhux) neċessarju biex tim ta' nies imexxu klabb b'missjoni maħsubha fit-tul. X'inhi l-missjoni ta' klabb? Kemm tazzi jirbaħ fl-aħħar ta' l -istaġun? Mhux biss. Il-missjoni hija usa' mir-riżultati fil-grawnd. Amministrazzjoni kompetenti fil-fehma tiegħi tirrikjedi pjan biex il-klabb ikun stabbli u sostenibbli, permezz ta' l-infrastruttura xierqa li trendi lura l-frott kemm fil-grawnd kif ukoll fl-uffiċċju. Naf x'jiġifieri li tkun involut fi klabb fejn l-għajnuna f'termini ta' jdejn kif ukoll imħuħ tkun verament skarsa. U huwa għalhekk li dejjem niġġustifikaw irwieħna li mn'alla jkunu l-ftit voluntiera li jagħtu l-ħin tagħhom għall-klabbs. Min-naħa l-oħra dan iwassal biex il-klabbs jilqgħu fi ħdanhom lil kull min joffri kontribut, ikun xi jkun. Dan m'inix ngħidu bi kritika lejn min jipprova jagħti sehmu, minkejja li ma jkunx xi espert. Anzi. Is-suspett tiegħi huwa li n-nuqqas ta' professjonaliżmu li jeżisti fil-klabbs minħabba r-raġunijiet li għadni kemm tajt jiġi użat/abbużat/sfruttat f'okkażjonijiet ta' natura politika bħalma hi l-għażla tat-tmexxija ta' l-assoċjazzjoni.

Possibbli allura li l-klabbs jagħmew wara ftit mijiet ta' kontanti mwiegħda? Sfortunatament iva. Possibbli li l-klabbs jivvutaw (esklussivament) skond l-interessi suġġettivi tagħhom? Probabbilment il-maġġoranza iva. U l-maġġoranza l-kbira tar-rappreżentanza fl-MFA hija tal-klabbs. U allura, dan jittraduċi ruħu fi programmi 'elettorali' li jiffukaw fuq il-wiegħdi u mhux fuq il-ġid tal-logħba. U dan ma jifhmuhx il-maġġoranza tal-klabbs. Ibda minn l-akbar fosthom fil-premier. Ma jirrealizzawx li huma interdipendenti u li qabel ma jaraw kemm ħa jirbħu tazzi, irid ikun hemm strutturi sodi li jipproteġu l-logħba. Huwa minnu li l-klabbs huma essenzjali, iżda huwa minnu wkoll li l-assoċjazzjoni m'hijiex biss il-klabbs, u d-distinzjoni għandha tkun netta.

Ma jkunx lok li r-rappreżentanza fl-MFA tiżdied għal entitajiet ġodda, ngħidu aħna l-plejers u l-kowċis, li għandhom rwol ċentrali fil-logħba? U min-naħa l-oħra, verament il-klabbs jaħsbu li biex ikampaw iridu joqogħdu jistennew il-manna mill-MFA? Mhux aħjar li jivvintaw lilhom infushom mill-ġdid b'mod li jsiru verament finanzjarjament indipendenti u sostenibbli? L-impressjoni tiegħi hi li l-parti l-kbira m'għandhomx paċenzja; jekk mhux il-kumitat, is-sapporters, u jekk mhux is-sapporters il-president li qed idaħħal idu fil-but. Iżda bil-paċenzja l-klabb jinvesti fl-infrastruttura u fit-tfal, u dawk inaqqsu l-ispejjeż u possibbilment iżidu d-dħul. Meta r-rota tibda ddur it-tama hi li dawk ir-riżorsi (umani) tant neqsin jibdew jitkattru. U mhux bil-manna mill-MFA...

Il-Ħadd, Lulju 22, 2007

Taqtigħa oħra

Erġajna. L-elezzjoni ta' l-MFA din is-sena xiħaġa speċjali. Diġa' għaddejna minnha tliet snin ilu meta Dr Joe kien sfidat mis-Sur Joe. Ukoll kien hawn naqra għagħa mhux ħażin. Dr Joe baqa' f'postu, u sadanittant ikkonferma postu wkoll fl-eżekuttiv tal-UEFA għal erba' snin oħra. Mhux ċajta.

Din id-darba l-kwistjoni donnha deja vu'. L-isfidant huwa mill-ġdid Norman Darmanin Demajo. Tiftakru l-armonija li kellhom bejniethom dawn it-tnejn meta t-tnejn kienu jkunu fuq l-istess mejda? Issa l-kontestazzjoni hija uffiċjali, u probabbli tista' tkun paġna importanti fl-amministrazzjoni tal-futbol f'pajjiżna. Diffiċli wieħed ikejjel it-tendenzi tad-delegati li ser jitfgħu l-vot tagħhom nhar is-Sibt. Kif inhu magħruf, f'dawn is-sitwazzjonijiet anke jekk wieħed ikollu ħjiel qabel, ħafna drabi l-eżitu xorta waħda jkun differenti. Ħadd ma jkun ma' l-individwu li jivvota, irrispettivament mill-klabb li jirrappreżenta (patetika, imma tiġri). U kemm-il darba l-kontestanti jibqgħu b'xiber imnieħer wara li kulħadd ikun wiegħdhom appoġġ. Nistennew u naraw.

Aktar kien (nofs) sorpriża għalija l-involviment ta' Pippo Psaila. Forsi kien ta' min jistennih wara li esprima pubblikament l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax Direttur Sportiv tal-Kumitat Olimpiku, kariga li ilu jokkupa għal 14-il sena. Is-Sur Psaila kulħadd jafu bħala l-ex kowċ tat-tim nazzjonali, li fl-opinjoni ta' bosta kien x'aktarx l-aktar wieħed ta' suċċess (jew forsi l-aktar wieħed li gawda popolarita'). Il-kapaċita' tiegħu, kemm teknika kif ukoll amministrattiva, ma jista' jiċħadha ħadd, u wieħed ma jistax ma jikkonkludix li l-involviment mill-ġdid tiegħu fil-futbol ikun ta' siwi kbir. Minkejja li ma naf lil ebda wieħed personalment, huwa magħruf li Psaila u Darmanin Demajo ħadmu ħafna flimkien. L-amministrazzjoni tal-klabb tal-Luxol li huma involuti fiha hija waħda eżemplari, fejn sar investiment kbir fl-infrastruttura u fl-istruttura ta' l-iżvilupp minn etajiet żgħar.

Min-naħa l-oħra s-CV ta' Dr Mifsud huwa mill-aktar rispettabbli fix-xena tal-futbol internazzjonali. Kemm ilu fit-tmun ta' l-MFA sar tibdil kbir u ħafna deċiżjonijiet ittieħdu bl-għarfien minn qabel ta' dak li jkun qiegħed jiġi deċiż fuq livell Ewropew u dinji (il-liċenzji għall-klabbs huma eżempju wieħed, li tant sabu oppożizzjoni mill-klabbs imbagħad kienu imposti mill-UEFA nnifisha). Dak li jiddistingwieh minn oħrajn li jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-klabbs huwa li jaħseb aktar f'termini tal-logħba in ġenerali u mhux ta' l-element kompetittiv tagħha. Ħaġa li napprezza ħafna personalment.

Issa. Huwa fatt magħruf li dawn it-tlieta ma jaħdmux jekk mhux ma' dawk leali lejhom. Xi tkun is-sitwazzjoni jekk kwalunkwe minnhom ikollhom jaħdmu ma' nies li ma jappoġġawx il-veduti tagħhom. Fil-fatt hija ħasra u inevitabbli li xiħadd (jew aktar minn wieħed) minnhom jitlef u jinqata' kompletament mill-ambjent tal-futbol. Li nispera (forsi ideali wisq) huwa li l-għan ikun dejjem li titħares il-logħba u mhux l-interessi suġġettivi li jagħmlu parti minnha. L-element ta' kompetizzjoni huwa importanti, imma t-tazzi u s-suċċessi tal-klabbs jiġu u jmorru, filwaqt li s-sostenibbilta' ta' l-assoċjazzjoni u tal-klabbs tibqa' l-bażi l-aktar fundamentali. Min iħarisha l-aktar?

Il-Ġimgħa, Lulju 20, 2007

Is-soltu

Filwaqt li Luke Dimech kompla fejn ħallejna fl-aħħar bloggata, it-timijiet Maltin bdew (u temmew) l-impenji tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Issa aktar minn qabel, meta ċ-ċansijiet huma li l-klabbs Maltin jiltaqgħu ma' oppożizzjoni mil-Lvant ta' l-Ewropa. Iżda hawn xiħadd ġenwinament jazzarda jgħid li r-riżultati ta' din il-ġimgħa ma kinux mistennija? Fil-fehma tiegħi, iċ-ċokon tagħna joħroġ ħafna aktar fuq il-livell ta' klabbs. U dan ngħidu mingħajr diżrispett lejn ix-xogħol kbir li jwettqu matul is-sena (ħafna drabi senza interessi) dawk kollha involuti. Għall-kuntrarju, inħoss empatija kbira għad-diżappunt li kull sena joħolqu dawn il-logħbiet. Minbarra xi sorpriża b'ċikka (Santa Coloma ta' l-Andorra rebħu lill-Maccabi Tel Aviv, imma stennew ftit it-tieni leg...), il-kompetizzjonijiet f'dan l-istadju rarament ikunu eċitanti. Ngħiduha kif inhi, huma maħsuba biex jeħilsu mit-timijiet iż-żgħar.

Ma jimpurtax. Il-logħba sabiħa fuq kull livell. Taqtigħa bejn il-Belt u l-Furjana tibqa' dejjem aktar eċitanti milli bejn il-Hibs u Vojvodina. Ingawdu dik u nilgħabuha tajjeb. Fil-bqija, nagħmlu li nistgħu.

Il-Ġimgħa, Lulju 13, 2007

Jilagħbu barra

Għal kull min isegwi l-futbol f'Malta, il-fatt li plejer Malti jmur jilgħab f'kampjonat barrani dejjem iqajjem interess partikolari. Fl-Ewropa ta' l-2007 dan m'għandux ikun xiħaġa daqstant rari. Iżda l-gżira gżira tibqa'. Xorta waħda, naħseb li qatt ma kellna daqshekk plejers jilagħbu barra fl-istess waqt daqs kemm għandna llum.

John Buttiġieġ kien stilla. Għamel ftit żmien ma' Brentford li fih ġie msellef lil Swindon. Gilbert Agius ukoll ma kellux wisq suċċess kemm ma' Blackpool kif ukoll ma' Pisa. F'ċirkostanzi bħal dawn nemmen li l-fortuna tilgħab parti importanti, u ċertament li fejn fallew dawn il-plejers ma kienx għaliex ma kinux biżżejjed ta' kalibru. Iżda min-naħa l-oħra, jidħlu elementi ta' attitudni, personalita' u psikoloġija, fatturi li żgur irnexxielu jegħleb il-Bużu l-ewwel fid-diviżjonijiet tad-dilettanti Taljani ma' Verbania u wisq aktar ma' Genk fil-Belġju, fejn saħansitra għamel erba' snin captain tat-tim.

Issa bla dubju dak is-suċċess jista' jintlaħaq u jinqabeż minn Michael Mifsud. Esperjenza ma' Kaiserslautern f'eta' żgħira bħal ma kellu mhix ċajta. Kelli x-xorti mmur narah fin-Norveġja ma' Lillestrom (waħda mill-bloggati tal-bidu) u kien jidher li huwa wieħed mill-aħjar plejers tal-klabb. Issa l-qabża għall-futbol Ingliż fiċ-Championship. Jekk wieħed isegwi ftit x'jingħad mill-partitarji, Mifsud diġa' huwa wieħed mill-favoriti fir-Ricoh Arena. L-istaġun li jmiss huwa kruċjali. Nawgurawlu.

Sadanittant, oħrajn ser jittantaw xortihom. Nemmen li anke meta l-plejers Maltin jittantaw xortihom anke f'diviżjonijiet verament baxxi barra minn Malta jkunu qegħdin jagħmlu tajjeb. Min hu verament ta' stoffa ċertament li għandu aktar ċans jolqot l-għajn. Hija sfortuna tal-gżira li tgħodd għal kull qasam, wisq aktar il-prestazzjoni ta' atleta. Barra minn hekk, anke l-fatt biss li plejer ikun espost għal metodi, attitudni u sfidi ġodda huwa pożittiv. Andre' Schembri ser ikun jilgħab ma' Entiracht Braunschweig fir-Regionalliga Nord, it-Tielet Diviżjoni Ġermaniża maqsuma ġeografikament. Haber qisu ma saddad imkien...il-Bulgarija kienet l-ewwel esperjenza, US Quevilly forsi kien livell baxx wisq. Ma' Virton milli stjat insegwi naħseb li ġera qabel ma beda jimxi. Id-diskors fuq trasferiment ulterjuri ma' tim aħjar minn qabel ma stabbilixxa ruħu fit-tim naħseb li m'għamillux ġid. Issa l-avventura fil-Greċja. Nawgurawlu wkoll. Il-mixja kostanti lejn livell ogħla trid tkun sostnuta minn prestazzjonijiet tajbin u kontinwi. Il-bqija jiġi waħdu.

Is-sitwazzjoni għal oħrajn qisha għadha mhux daqstant magħrufa. Gilbert Agius qiegħed jissemma' li jista' jingħaqad ma' tim Żvediż għal ftit xhur (Enkopings SK fit-Tieni Diviżjoni). Dejjem esperjenza, għalkemm Gilbert jidher li qalbu marbuta wisq mal-Belt. Luke Dimech jista' jerġa jingħaqad ma' tim Ingliż u Bogdanovic għandu ċ-ċansijiet tajbin tiegħu wkoll. Iżda hemm ukoll il-pożittiv fi plejers aktar żgħażagħ. Andre' Agius għandu quddiemu staġun kruċjali ma' Messina (jew mat-tim lil min isellfuh) filwaqt li oħrajn iżgħar jidher li qegħdin ikunu esposti mhux ħażin lilhinn mix-xatt.

Nipprova nsegwi kemm nista'...

L-Erbgħa, Lulju 11, 2007

Għall-Belt dis-sena?

Orrajt, mela ejja nibdew nieħdu naqra gost inħejju ruħna għall-istaġun li jmiss għax id-dwejjaq li jkun hawn meta l-gazzetti jibdew jitqanżħu biex isibu xiħaġa ġdida xi jgħidu fuq il-futbol irridu negħlbuh b'xi mod.

Il-kampjonat Malti sar qisu dak Norveġiż, bażikament bilkemm jieqaf fis-sajf. Fix-xemx taqli l-ankri ta' Lulju jkunu qegħdin fil-preseason(!) u diġa' għandna tim barra mill-Intertoto (iva, ta' l-istaġun 07/08).

Imma...kellna naqra trasferimenti interessanti u kollox jindika li l-Belt ikkargati li jikkompetu għall-unuri. Ir-raġuni hija ovvja...hemm il-boqxiex. Għalina li noqogħdu ċiċċi beqqi tajjeb, għax l-affarijiet isiru daqsxejn aktar interessanti. Il-Ġermaniż il-ġdid għad irridu nara x'isarraf, imma plejers bħal Monesterolo, Giglio, Scicluna u Hogg huma garanzija mhux ħażin. Iżda xorta waħda għad hemm min jikkompeti...Sliema, Hibs u Marsaxlokk jibqgħu pretendenti kredibblli.

U għar-relegazzjoni? Possibbli l-Furjana ħa jerġgħu joqogħdu jitmieku fir-Relegation Pool? Ftit hemm x'jindika l-kuntrarju...u onestament ngħid ħasra. Fid-diviżjonijiet inferjuri għadni ma segwejtx biżżejjed biex inkun aġġornat. Normalment ukoll ikun hemm min jindika l-miri tiegħu billi jingaġġa numru ta' plejers.

Iġri jibda l-futbol milgħub!