Il-Ħamis, Diċembru 06, 2007

Il-futbol is-sabiħ


Mark ġibidli l-attenzjoni għal din il-kollezzjoni mill-isbaħ ta' fotografu Olandiż. U probabbli kienet l-isbaħ ħaġa li ġratli f'nofstanhar ta' emails u laqgħat meta hemm barra kien hemm ix-xemx ta' Diċembru li ssibha Malta biss. Is-serje ta' ritratti tgħaqqad flimkien is-sbuħija, l-innoċenza, il-ġenwinita' u l-passjoni tal-futbol tad-dilettanti max-xenarju ġeografiku mill-isbaħ lfejn (ġieli) jintlagħab. Minn banda tefagħni lura fiż-żmien meta konna mmorru għal-logħob bil-vann daqqa San Pawl il-Baħar, daqqa Ħad-Dingli, daqqa l-Mosta, biex ma nsemmix ix-Schreiber jew xi logħba l-Mellieħa l-Ħadd fit-8.30am (inkredibbli, fil-kampjonat tal-Youths kull meta konna nilagħbu mal-Mellieħa kienu jtuna logħba għand Alla kmieni filgħodu).


Mill-banda l-oħra fakkarni f'kemm hawn min japprezza l-logħba per se', aktar mix-xinxilli li ġġib magħha aktar ma' tmur 'il fuq fil-livell. Bħal meta qomna filgħodu nparlaw qisna żewġ subien ħerqana dwar dokumentarju - ta' Olandiż ieħor - li konna rajna fuq l-Arte dwar logħba bejn l-agħar żewġ timijiet tad-dinja, li ressqet żewġ komunitajiet minn żewġt itruf tad-dinja lejn xulxin - u jien mort niġri nordnah fuq dvd.
Il-logħob fil-perspettiva t-tajba. Niżlitli għasel, Mark.

It-Tlieta, Novembru 27, 2007

Biljuni u bsaten

Bejn separazzjoni u spekulazzjoni fuq mara ġdida, bejn ir-rifjut imġedded lit-Torok u l-insistenza li l-Parlament Ewropew ma jitlaqx minn Strasbourg. Filli daħkan wara li aċċerta ruħu li l-Franċiżi se jdaħħlu €30 miljun mill-investiment sfrenat Ċiniż u filli jappella għall-kalma għax fakkruh li d-duda fil-qalba ta' pajjiżu għadha hemm. Sarkozy huwa dak li qabel l-elezzjoni ddikjara li se jixkupa l-irmixk mill-irħula madwar Pariġi.

Sadanittant fl-Italja għadhom jidħku bihom infushom u jfakkru lil dak il-povru li miet f'inċident sfortunat fi triqtu lejn logħba futbol daqs li kieku kien xi plejer leġġendarju. Għadhom iridu jipperswadu lilhom infushom li l-futbol irid jgħid il-"ħtija tiegħi" tliet darbiet - sempliċiment għax dan inzerta jsegwi t-tim tiegħu. U l-gazzetta teżalta delinkwenti li jinqeda b'din l-orġa ta' miżinformazzjoni biex ipinġi tila differenti u forsi naraw farka minn kif jaraw il-ħajja hu u sħabu.

X'inhi r-ribelljoni lejn l-ordni pubbliku? Għala quddiem il-kompjuter nindiehsu ma' ruxxmata nies li qas qatt ma ltqajna magħhom u aktar ma jkollok friends fuq il-facebook aktar tħossok 'in', imbagħad mill-għatba 'l barra qisu kulħadd irid joħodha kontra kulħadd?

It-Tlieta, Novembru 20, 2007

Meta se nindunaw?

Frustranti wisq meta tkun trid u ma tistax. Min jaf kemm iħossuha individwi li volontarjament jagħtu sehemhom fl-amministrazzjoni ta' xi sport (jew anke oqsma oħra). Trid u ma tistax, għax m'għandekx riżorsi, għax m'għandekx nies jew sempliċiment għax issib bibien jingħalqu f'wiċċek.

Nuqqas li tant jitfagħna lura huwa dak fl-infrastruttura. Mhux qed nitkellem dwar stadia daqs il-Maracana...qed nitkellem dwar pitch diċenti mgħammar bi dressing rooms, xi żewġ uffiċċji fejn tista' tagħmel laqgħa jew attività, u forsi bar - f'kull raħal. Qed nitlob id-dinja? Hija proposta li taqa' daqshekk lura fil-prijoritajiet ta' min imexxi? Taqta' ftit eċċezzjonijiet, iva.

L-impressjoni li kelli fil-Lussemburgu kienet li n-nies hemmhekk bil-kontra: jistgħu imma ma jridux. Għandhom il-faċilitajiet li aħna noħolmu, imma fl-isport għażżenin u anonimi mhux ħażin xorta waħda, tant li jħaqquha magħna (għalkemm mhux fid-dixxiplini kollha). Jien, li hawn Malta bħala plejer (!) lanqas kont ninġabar fit-Tielet Diviżjoni, hemmhekk kont nilgħab f'lig bejn il-kumpaniji fi grawnds bil-ħaxix (u mhux kwistjoni ta' xita u temp għax ħaxix artifiċjali hemm ukoll), bil-faċilitajiet kollha miżmuma bl-akbar attenzjoni - f'kull biċċa raħal fejn nesa' l-karkura x-xitan, li ħdejhom Birżebbuġa tidher metropoli. Taqta' l-faċilitajiet ta' l-MFA, f'Malta tgħoddhom fuq subgħajk ta' id waħda l-klabbs li għandhom dawn il-faċilitajiet. F'moħħi jiġuni l-Hibs, St Andrews u forsi l-Ħamrun (il-Furjana jekk iridu). St Andrews, tim li jikkompeti fit-Tieni Diviżjoni (mhux fix-xinxilli tal-Premier) għandu l-aqwa faċilitajiet u waħda mill-aħjar skejjel għat-tfal.

Naf li l-paragun jinxtamm qisu cliché, imma inevitabbli. Naf li l-gvern lokali fl-irħula lokali fil-Lussemburgu jkollu baġit daqs kemm ikollhom erba' kunsilli minn tagħna. Imma l-infrastruttura sportiva hija proprju l-għeruq ta' l-iżvilupp sostenibbli tal-klabbs, tal-kompetizzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar tal-logħba nnifisha. Biex ma nsemmux saħħet in-nies li jipprattikaw xi sport u l-effett pożittiv indirett għaliex ikun hemm inqas pressjoni fuq is-servizz tas-saħħa pubbliċi.

F'Malta, lanqas jekk trid tagħmel dan ma tista'. Lanqas jekk klabb (u l-membri tiegħu) jissallab biex iġib il-finanzi meħtieġa. Trid post fejn! U biex klabb jingħata art fejn jista' jsir żvilupp utli (mhux blokka appartamenti b'garaxxi taħthom), emmnuni aktar faċli nirbħu t-tazza tad-dinja. Hemm min irnexxielu, imma forsi hawn tidħol il-logħba politika taċ-"ċejċa fid-distrett tiegħi". X'jibqa' fik li ġej u sejjer laqgħat u tħabbel moħħok fuq pjan fit-tul għas-sostenibbiltà ta' klabb żgħir? Mhux qed ngħid li kull klabb li rnexxielu jagħmel din il-qabża, għamilha għax ġie ffavorit. Altru minn hekk - hemm min iservi ta' mudell, xi wħud semmejthom hawn fuq. Imma din hi l-impressjoni li tieħu meta tkun għadek tittama li l-kabb tiegħek xi darba jingħatalu grawnd fejn jilgħab u jittrenja (immaġina mekkanik bla garaxx, furnar bla forn).

Qed ngħid dan proprju meta l-MFA nediet programm ta' fondi mill-UEFA maħsub għa proġetti infrastrutturali fil-klabbs. Meta nisma' min jgħid li l-MFA għandha tgħin aktar lill-klabbs nibda naqbeż minn ġewwa. L-assoċjazzjoni nazzjonali m'għandhiex tkun il-father christmas li jduru lejh il-klabbs. Il-futbol ikun vera b'saħħtu meta l-klabbs ikunu jkampaw waħedhom - mingħajr ma jiddependu fuq il-bwiet fondi ta' l-individwi. Li jiġi mingħand l-assoċjazzjoni huwa kollu fsied: li nilagħbu l-kampjonati fi grawnds bil-ħaxix għal wieħed, tnejn u issa ġej it-tielet wieħed (għall-youths) f'Ta' Qali huwa grazzi għall-assoċjazzjoni. Fil-verità għandhom ikunu l-klabbs li jkollhom dawn il-faċilitajiet. U għandha tiġi mill-gvernijiet, possibbilment permezz tal-kunsilli lokali, li jagħmluha possibbli. Biex min irid jaħdem, ikun jista'. U jkun qiegħed jagħti servizz mhux biss lill-klabb tiegħu, imma lil komunità sħiħa.

Imma mbagħad il-famuża "issa ċ-ċans li jtukom widen, għax ġejja l-elezzjoni"...

It-Tlieta, Novembru 13, 2007

Il-perspettiva ilha li ntilfet

1.
Ir-riklam għaddej qisu mhux hu, bil-flash player u x'naf jien, jalterna bejn Cannavaro jgħolli t-tazza tad-dinja, bit-tbissima solari tiegħu, u karozza Taljana li tinbiegħ daqs il-qubbajd. Nofs skrin 'il bogħod, u n-naħa fejn qed naqra dinja oħra. Din il-Gazzetta dello Sport, din l-Italja tal-ballun. Sal-bieraħ kont għoddok tittarrax bil-caroselli ta' campioni del mondo, u il cielo era azzurro sopra Berlino.

Sadanittant erġajna lura nilagħbu fil-grawnds qishom gaġeġ u scaffoldings, bil-barrikati kull fejn tara u numru (żgħir) ta' nies li jidħlu qishom sejrin għall-gwerra. Sadanittant inqatel pulizija waqt xogħlu. Sadanittant rajna xeni li jħaqquha ma' l-agħar protesti tan-no global wara li t-traġedja ta' sapporter ittieħdet bħala pretest biex b'xi mod tiġġustifika r-ribelljoni kontra min xogħlu jżomm l-ordni.

Parole, parole, parole, ma tistenniex mod ieħor. Parole li għadhom friski f'moħħna għax kien biss fi Frar li għadda li smajna l-istess diskussjonijiet u qrajna l-istess artikli. Ir-riżultat huwa strixxun 10-100-1000 Raciti. Għall-ftit mill-ftit li jaqraw dan il-blogg li ma jafux, Raciti huwa kunjom il-pulizija li kien inqatel f'Catania. Dan hu l-mission statement ta' dawn in-nies.

Fejn jidħol il-futbol? X'għandha x'taqsam il-logħba ħdax kontra ħdax, ballun, referi u assistent ma' dan kollu? Xejn. Huwa fenomenu soċjali iva, u dak jirrikjedi reazzjoni mod fuq tul ta' żmien: fuq kollox edukazzjoni akkumpanjata b'miżuri ġudizzjarji. Iżda l-ħarsien tal-logħba mill-manipulazzjoni u l-istrumentalizzazzjoni tirrikjedi reazzjoni mod ieħor. Nies b'valuri ta' vjolenza assoċjati mal-logħba titfagħna fl-abbissi ta' l-oppost tal-pjaċir li suppost ittina.

...U jien ukoll qed inżid mal-paroli. Xi dwejjaq.


2.
Biex naqta' mill-ipokrizija tal-kuntest patetiku Taljan, kont qed nistenna bil-ħerqa l-logħba tal-Coventry. La lagħbu t-Tnejn kien ċans tajjeb biex nara logħba oħra ta' Michael Mifsud. Wasalt tard, u biex żgur ma nitlef xejn intfajt fuq is-sufan bi platt għaġin fuq ħobbi. Mhux se nkompli ngħidilkom kif sħittu ma' l-ewwel erba' furkettati. Tistgħu taraw hawn.

L-Erbgħa, Ottubru 31, 2007

Rivista ġdida

Din l-entrata ta' Jean Paul tgħidx kemm ġabitli memorji. Kien iż-żmien meta ta' kull xahar kont nixtri l-Forza Milan! (u infallibbilment ommi ttertaqli qalbi biex ittini l-flus għalih - "flus fil-ħela, aħjar taqra xiħaġa sura") u ta' kull ġimgħa r-rivista Sprint (ħafna irħas, allura mingħajr wisq xenati, jew forsi kien ikolli xiħaġa fil-but).

Minn dak iż-żmien 'l hawn ma reġax kellna inizjattiva editorjali stabbli fil-kamp sportiv. Mingħajr dubju, f'Malta tgħallem il-liġi tas-suq, u aktar ma jiżdiedu l-mezzi aktar isir diffiċli li tippenetra d-drawwiet tan-nies. Imma għal xi raġuni nemmen li jekk hawn settur li fih tista' tkampa xiħaġa hekk, dan huwa l-isport, speċjalment lokali. Ma ninsewx li llum jekk dħalt id-dar tard u trid tara r-riżultat tat-tim favorit tiegħek (għalkemm skond ir-regoli morali ta' kull sapporter, jekk lagħab it-tim tiegħek kellek tkun ġewwa tara l-logħba u mhux tiġġerra barra), kull m'għandek tagħmel hu li tixgħel il-kompjuter u tara mhux biss ir-riżultat, imma anke l-kummenti tal-protagonisti u xi opinjonijiet oħra. Jiġifieri, ftit jifdal spazju għal kontributi oħra.

Imma l-istampa hija kompletament differenti fil-kuntest lokali. Tant nies huma involuti b'xi mod fl-isport, fuq kull livell, imma ftit kompetizzjonijiet jingħataw spazju lilhinn minn żewġ linji bir-riżultati fil-gazzetta. M'hemmx artikolisti li jikkummentaw x'inhu jiġri u x'inhu mistenni, u forsi jħolqu xi kontroversja b'kitba tajba ħielsa mill-clichés tas-soltu.

Nittama li fuq dan jiffoka Sportiv. Good luck!

L-Erbgħa, Ottubru 03, 2007

On a roll

Mela wara r-riżultat tan-nazzjonal kontra t-Turkija bqajna għaddejjin b'mumenti mill-aqwa għall-futbol Malti. Is-serata maġika li kellu Michael Mifsud f'Old Trafford kienet fuq fomm kulħadd, u proprju l-fatt li kulħadd sebaħ jitkellem fuq plejer Malti fix-xena internazzjonali kien l-isbaħ aspett ta' dan l-avveniment. Min soltu ma jinteressahx, jew x'aktarx huwa ċiniku fuq il-futbol f'Malta, kellu jigdem ilsienu u joqgħod jisma' l-paraguni sproporzjonati li bdew isiru fil-midja. Il-ħaġa li laqtitni wkoll hija li Michael (għax issa f'daqqa waħda kulħadd qed jgħajjatlu b'ismu qisu kulħadd jiekol il-kirxa miegħu) ingħata ċ-ċans ikun ma' l-ewwel ħdax fiż-żewġ logħbiet li ġew wara l-Carling Cup, u fit-tnejn sab ix-xibka. B'hekk l-attenzjoni baqgħet kostanti hux ħażin.

Min-naħa l-oħra, il-kampjonat Malti baqa' għaddej b'riżultati interessanti. Il-Furjana għadhom quddiem (issa ilu naqra ma niftakruhom hemm!), qisu kulħadd jista' jirbaħ lil kulħadd, u nittama li t-taqtigħa ddum sejra hekk għal aktar żmien.

It-Tnejn, Settembru 17, 2007

A' quand la victoire?


















Il-weekend li għaddha ridt napprofitta mill-ftit jiem li fadalli f'nofs il-kontinent biex immur nara logħba futbol (qabel ma nirritorna għas-Centenary Stadium). L-aħjar okkażjoni fil-madwar hija li nara lill-FC Metz fil-kampjonat Franċiż, u m'hemmx aħjar li tinzertahom meta jilagħbu kontra t-tim rebbieħ tal-kampjonat għal sitt darbiet wara xulxin. Fi Franza l-Lyon, minkejja li bħal kull sena neħħew diversi plejers, għadhom bla dubju l-aqwa tim. Għalkemm tkun tixtieq li tissapportja lill-home team, ma tistax ma tqumx iċċapċap meta jilagħbu l-futbol ixxamplat u rapidu kif ftit timijiet fl-Ewropa jafu jagħmlu. Jispikkaw plejers ta' eta' żgħira li bħas-soltu jkunu mistennija li jkunu fiċ-ċentru tal-qlajja tas-suq tal-plejers għas-sena li ġejja.

Metz tim ħelu. Dejjem telgħin plejers żgħar li jkun sabu Alla biss jaf minn fejn. Il-volonta' hemm tkun, imma l-iżbalji tipiċi ta' tim ta' qiegħ il-klassifika jwassluhom biex jititlfu b'marġni saħansitra kattiv wisq (1-5). Jibqa' l-gost li tara l-futbol milgħub fuq livell tajjeb. Kont ili ma nara logħba sura. Diġa' rrid nara liema ħa tkun li jmiss. Apparti Birżebbuġa kontra l-Imġarr...

It-Tnejn, Awwissu 27, 2007

Dragut u l-bqija

Bdew il-kampjonati u d-diskussjonijiet fuq ir-riżultati u l-prestazzjonijiet. Imma jien qisni dawn inħallihom għal waqt xi kafe' jew birra. Inutli noqgħod nagħmilha ta' kowċ jien ukoll u ningħaqad mal-miljuni li diġa' jeżistu quddiem it-televixin. Minn issa nibdew insibu x'ngħidu: Baldini tal-Catania kien qisu wieħed tifel li kien jilgħab magħna fit-triq meta konna żgħar u li meta jitlef kien dejjem idur għall-oħrajn; is-sapporters tal-Milan ma tħallewx imorru Genoa għax kienu ser jipperikolaw l-ordni pubbliku wara li tnax-il sena ilu (le le, mhux eżattament ilbieraħ) kien inqatel partitarju Genoan fl-istess logħba (iva, għax wara kollox hija 'logħba'); il-United kisbu l-ewwel rebħa (forsi meta l-anqas li kien jistħoqqilhom) u issa beda anke l-kampjonat Malti.

Imma qisu l-akbar għagħa bħalissa hija din l-imbierka logħba fil-Vitorja, proprju kontra t-Torok. Ħewla din il-biċċa xogħol, u l-għażla tad-data ma kinitx koinċidenza. F'Maltam fil-kuntest tat-tim nazzjonali, diffiċilment ngħidu li għandna xi rivalita'... u għal din il-logħba ddeċidejna lli noħolquha (forsi frott l-istorja kemm kemm imċajpra li għallmuna, imma nsomma). Sakemm l-għajta sarraf biex ittella' n-nies il-grawnd, merħba biha, u prosit lil min jieħu l-inizjattiva. Anzi nittama li ma tkunx ta' darba. U ma jimpurtax x'ikun ir-riżultat: fih innifsu sabiħ li eluf ta' persuni jieħdu gost bl-okkażjoni u l-futbol ikun biss il-mezz biex xiħaġa hekk tinvolvi daqstant nies f'daqqa u jieħdu gost...l-isbaħ element tal-logħba.

It-Tlieta, Awwissu 14, 2007

Għal darba

Fuq il-midja tant mifruxa u aċċessibbli ssib bosta stejjer ta' kull tip, u spiss tispiċċa tiddubita mill-awtentiċita' jew il-ġenwinita' tagħhom. Imma din irrid nemmen li hi vera: żagħżugħ li jirrifjuta kuntratt professjonali fil-Premier League biex jibqa' jilgħab ma' sħabu dilettanti. "Ma narahiex ġusta li taqla' l-flus għal xiħaġa li wara kollox hija divertiment".

Hekk sabiħ il-futbol. Ħalluni noħlom ftit.

Il-Ħamis, Awwissu 09, 2007

It-triq lura

Dalwaqt naqbadha. U għadni ma nafx sew jekk huwa qiegħed nirrealizza li sejjer. F'Ottubru għandi nirrapporta l-uffiċċju. Mhux hawn imma, fejn meta nħares 'il barra mit-tieqa qiegħed nara ċlampu u xita nieżla bil-lajma.

Minflok għandi nkun Ta' Xbiex, inħares (nittama) lejn il-jottijiet fuq baħar żejt. U dawn is-sentejn u ftit xhur ikunu għaddew qisu qatt ma kien xejn. Meta nerġa' lura anke għal ftit jiem inħossni qisni qatt ma tlaqt. Aħseb u ara issa, li mhix vakanza.

Allura qiegħed inħares lejn l-affarijiet li kont mixtieq minnhom hawnhekk. U fuq fil-lista jkolli ngħid li hemm...erm, iva l-futbol. U iva l-familja u l-ħbieb u hekk. Imma lilhinn minn hekk, il-laqgħat tal-kumitat, tiela' u nieżel Ta' Qali (aktar is-Centenary milli l-Istejdjum Nazzjonali), iż-żmien li nqatta' naqra u nistad għal ideat ġodda li forsi jistgħu jagħtu nifs jew impetu ġdid f'ambjent ikkakkmat b'nies li għalihom il-futbol kien dak li kienu jsegwu l-Gżira.

Insomma, sejjer lura. Il-futbol Malti ma nibqax insegwih biss mill-internet u dak internazzjonali, sfortunatament, ma nibqax insegwih daqstant direttament mill-grawnd. Għalhekk ħa nilħaq nipprova mmur nara xi logħba mil-lig Franċiż qabel ma nerġa' lura. U kważi anke logħba internazzjonali tal-Lussemburgu ma rridx nitlef. Insomma, dik ma tkunx wisq differenti minn fejn sejjer...

Il-Ħadd, Lulju 29, 2007

Min rebaħ?

52-49 verament riżultat imdendel fuq xagħra. Il-verdett qiegħed hemm, imma l-messaġġ ukoll. Id-delegati ta' l-MFA għażlu mill-ġdid lil Dr Mifsud biex jibqa' fl-ogħla kariga ta' l-assoċjazzjoni.

Inzertajt qiegħed Malta għal btala, u għalhekk stajt insegwi l-midja aktar mill-qrib: xejn ħlief is-soltu rapport ta' żewġ paġni fil-gazzetti tal-Ħadd. Bażikament rakkont tar-rapporti ppreżentati waqt il-laqgħa. Possibbli ħadd ma jaqagħlu f'moħħu li japprofondixxi kemm kemm b'opinjoni, b'interpretazzjoni ta' l-eżitu tal-laqgħa u tal-prospettivi tajbin u ħżiena tal-futbol lokali? Ikolli ngħid li l-input tal-mezzi tax-xandir fl-iżvilupp ta' l-isport huwa nieqes ħafna f'Malta. Kif nistgħu ntejbu dak li niksbu jekk m'għandna l-ebda ħjiel ta' rispons - mill-pubbliku li jassisti mill-grawnd jew minn fuq is-sufan, mill-ġurnalisti suppost speċjalizzati (li ma jeżistux bil-gzuz, u li forsi s-suq ma jippermettix), u mid-diretti interessati l-amministraturi?

Lura għall-MFA. L-okkażjoni titlob li nifirħu lil Dr Mifsud u l-kollegi li reġgħu ġew eletti, kif ukoll lill-ftit uħuh ġodda. Nawgurawlhom ikomplu x-xogħol tajjeb li jagħmlu fl-assoċjazzjoni u li jtebuh. Il-proġetti mħabbra huma ta' min iħares lejhom b'ottimiżmu. Prosit ukoll lil min ma telgħax, min bi ftit u min b'ħafna. Dan ifisser li l-proġetti tagħhom kienu kredibbli wkoll, u li hemm bosta persuni li jridu jagħtu kontribut.

It-Tlieta, Lulju 24, 2007

Wegħdiet

Biex inkompli fejn ħallejt. Din il-ġimgħa rajt dan ir-rapport fejn Norman Darmanin Demajo, wieħed miż-żewġ kandidati għall-presidenza fl-elezzjoni ta' l-MFA spjega l-programm tiegħu fl-eventwalita' li jkun elett. Fl-istess nifs, f'dawn l-aħħar ġimgħat rajna sensiela ta' inawgurazzjonijiet, mill-kwartieri l-ġodda ta' l-assoċjazzjoni fil-Millenium Stand sal-wiċċ il-ġdid fis-Centenary Stadium.

Issa. Jiena nifhem li l-element ta' politika fil-makkinarju ta' l-amministrazzjoni huwa neċessarju biex wieħed jaċċedi għal ċerti karigi. Nifhem li trid tkun attraenti biex tiġbed lil min ser jivvota u turi x'għamilt jew x'bi ħsiebek tagħmel. Iżda wisq nibża' li dan qiegħed isir mhux biss biex id-delegati li għandhom vot ikunu infurmati aħjar. Hawnhekk qiegħed jittieħed kapital minn nuqqas kbir li għandna fil-futbol (u fl-isport kollu) Malti.

Kif nixba' ntenni, iċ-ċokon tagħna jimmanifesta ruħu f'kull aspett, mhux anqas l-isport u t-tmexxija tiegħu. Diffiċli jkun hemm biżżejjed riżorsi umani bil-kompetenza u l-esperjenza neċessarja biex imexxu, f'kuntest fejn l-organizzazzjoni tal-logħba tirrikjedi ħafna, irrispettivament mil-livell tekniku milħuq. Dan in-nuqqas diġa' jinħass fuq il-livell ta' l-assoċjazzjoni, aħseb u ara fuq il-livell tal-klabbs. B'kompetenza nifhem l-għarfien (professjonali/akkademiku u mhux) neċessarju biex tim ta' nies imexxu klabb b'missjoni maħsubha fit-tul. X'inhi l-missjoni ta' klabb? Kemm tazzi jirbaħ fl-aħħar ta' l -istaġun? Mhux biss. Il-missjoni hija usa' mir-riżultati fil-grawnd. Amministrazzjoni kompetenti fil-fehma tiegħi tirrikjedi pjan biex il-klabb ikun stabbli u sostenibbli, permezz ta' l-infrastruttura xierqa li trendi lura l-frott kemm fil-grawnd kif ukoll fl-uffiċċju. Naf x'jiġifieri li tkun involut fi klabb fejn l-għajnuna f'termini ta' jdejn kif ukoll imħuħ tkun verament skarsa. U huwa għalhekk li dejjem niġġustifikaw irwieħna li mn'alla jkunu l-ftit voluntiera li jagħtu l-ħin tagħhom għall-klabbs. Min-naħa l-oħra dan iwassal biex il-klabbs jilqgħu fi ħdanhom lil kull min joffri kontribut, ikun xi jkun. Dan m'inix ngħidu bi kritika lejn min jipprova jagħti sehmu, minkejja li ma jkunx xi espert. Anzi. Is-suspett tiegħi huwa li n-nuqqas ta' professjonaliżmu li jeżisti fil-klabbs minħabba r-raġunijiet li għadni kemm tajt jiġi użat/abbużat/sfruttat f'okkażjonijiet ta' natura politika bħalma hi l-għażla tat-tmexxija ta' l-assoċjazzjoni.

Possibbli allura li l-klabbs jagħmew wara ftit mijiet ta' kontanti mwiegħda? Sfortunatament iva. Possibbli li l-klabbs jivvutaw (esklussivament) skond l-interessi suġġettivi tagħhom? Probabbilment il-maġġoranza iva. U l-maġġoranza l-kbira tar-rappreżentanza fl-MFA hija tal-klabbs. U allura, dan jittraduċi ruħu fi programmi 'elettorali' li jiffukaw fuq il-wiegħdi u mhux fuq il-ġid tal-logħba. U dan ma jifhmuhx il-maġġoranza tal-klabbs. Ibda minn l-akbar fosthom fil-premier. Ma jirrealizzawx li huma interdipendenti u li qabel ma jaraw kemm ħa jirbħu tazzi, irid ikun hemm strutturi sodi li jipproteġu l-logħba. Huwa minnu li l-klabbs huma essenzjali, iżda huwa minnu wkoll li l-assoċjazzjoni m'hijiex biss il-klabbs, u d-distinzjoni għandha tkun netta.

Ma jkunx lok li r-rappreżentanza fl-MFA tiżdied għal entitajiet ġodda, ngħidu aħna l-plejers u l-kowċis, li għandhom rwol ċentrali fil-logħba? U min-naħa l-oħra, verament il-klabbs jaħsbu li biex ikampaw iridu joqogħdu jistennew il-manna mill-MFA? Mhux aħjar li jivvintaw lilhom infushom mill-ġdid b'mod li jsiru verament finanzjarjament indipendenti u sostenibbli? L-impressjoni tiegħi hi li l-parti l-kbira m'għandhomx paċenzja; jekk mhux il-kumitat, is-sapporters, u jekk mhux is-sapporters il-president li qed idaħħal idu fil-but. Iżda bil-paċenzja l-klabb jinvesti fl-infrastruttura u fit-tfal, u dawk inaqqsu l-ispejjeż u possibbilment iżidu d-dħul. Meta r-rota tibda ddur it-tama hi li dawk ir-riżorsi (umani) tant neqsin jibdew jitkattru. U mhux bil-manna mill-MFA...

Il-Ħadd, Lulju 22, 2007

Taqtigħa oħra

Erġajna. L-elezzjoni ta' l-MFA din is-sena xiħaġa speċjali. Diġa' għaddejna minnha tliet snin ilu meta Dr Joe kien sfidat mis-Sur Joe. Ukoll kien hawn naqra għagħa mhux ħażin. Dr Joe baqa' f'postu, u sadanittant ikkonferma postu wkoll fl-eżekuttiv tal-UEFA għal erba' snin oħra. Mhux ċajta.

Din id-darba l-kwistjoni donnha deja vu'. L-isfidant huwa mill-ġdid Norman Darmanin Demajo. Tiftakru l-armonija li kellhom bejniethom dawn it-tnejn meta t-tnejn kienu jkunu fuq l-istess mejda? Issa l-kontestazzjoni hija uffiċjali, u probabbli tista' tkun paġna importanti fl-amministrazzjoni tal-futbol f'pajjiżna. Diffiċli wieħed ikejjel it-tendenzi tad-delegati li ser jitfgħu l-vot tagħhom nhar is-Sibt. Kif inhu magħruf, f'dawn is-sitwazzjonijiet anke jekk wieħed ikollu ħjiel qabel, ħafna drabi l-eżitu xorta waħda jkun differenti. Ħadd ma jkun ma' l-individwu li jivvota, irrispettivament mill-klabb li jirrappreżenta (patetika, imma tiġri). U kemm-il darba l-kontestanti jibqgħu b'xiber imnieħer wara li kulħadd ikun wiegħdhom appoġġ. Nistennew u naraw.

Aktar kien (nofs) sorpriża għalija l-involviment ta' Pippo Psaila. Forsi kien ta' min jistennih wara li esprima pubblikament l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax Direttur Sportiv tal-Kumitat Olimpiku, kariga li ilu jokkupa għal 14-il sena. Is-Sur Psaila kulħadd jafu bħala l-ex kowċ tat-tim nazzjonali, li fl-opinjoni ta' bosta kien x'aktarx l-aktar wieħed ta' suċċess (jew forsi l-aktar wieħed li gawda popolarita'). Il-kapaċita' tiegħu, kemm teknika kif ukoll amministrattiva, ma jista' jiċħadha ħadd, u wieħed ma jistax ma jikkonkludix li l-involviment mill-ġdid tiegħu fil-futbol ikun ta' siwi kbir. Minkejja li ma naf lil ebda wieħed personalment, huwa magħruf li Psaila u Darmanin Demajo ħadmu ħafna flimkien. L-amministrazzjoni tal-klabb tal-Luxol li huma involuti fiha hija waħda eżemplari, fejn sar investiment kbir fl-infrastruttura u fl-istruttura ta' l-iżvilupp minn etajiet żgħar.

Min-naħa l-oħra s-CV ta' Dr Mifsud huwa mill-aktar rispettabbli fix-xena tal-futbol internazzjonali. Kemm ilu fit-tmun ta' l-MFA sar tibdil kbir u ħafna deċiżjonijiet ittieħdu bl-għarfien minn qabel ta' dak li jkun qiegħed jiġi deċiż fuq livell Ewropew u dinji (il-liċenzji għall-klabbs huma eżempju wieħed, li tant sabu oppożizzjoni mill-klabbs imbagħad kienu imposti mill-UEFA nnifisha). Dak li jiddistingwieh minn oħrajn li jagħtu sehemhom fit-tmexxija tal-klabbs huwa li jaħseb aktar f'termini tal-logħba in ġenerali u mhux ta' l-element kompetittiv tagħha. Ħaġa li napprezza ħafna personalment.

Issa. Huwa fatt magħruf li dawn it-tlieta ma jaħdmux jekk mhux ma' dawk leali lejhom. Xi tkun is-sitwazzjoni jekk kwalunkwe minnhom ikollhom jaħdmu ma' nies li ma jappoġġawx il-veduti tagħhom. Fil-fatt hija ħasra u inevitabbli li xiħadd (jew aktar minn wieħed) minnhom jitlef u jinqata' kompletament mill-ambjent tal-futbol. Li nispera (forsi ideali wisq) huwa li l-għan ikun dejjem li titħares il-logħba u mhux l-interessi suġġettivi li jagħmlu parti minnha. L-element ta' kompetizzjoni huwa importanti, imma t-tazzi u s-suċċessi tal-klabbs jiġu u jmorru, filwaqt li s-sostenibbilta' ta' l-assoċjazzjoni u tal-klabbs tibqa' l-bażi l-aktar fundamentali. Min iħarisha l-aktar?

Il-Ġimgħa, Lulju 20, 2007

Is-soltu

Filwaqt li Luke Dimech kompla fejn ħallejna fl-aħħar bloggata, it-timijiet Maltin bdew (u temmew) l-impenji tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Issa aktar minn qabel, meta ċ-ċansijiet huma li l-klabbs Maltin jiltaqgħu ma' oppożizzjoni mil-Lvant ta' l-Ewropa. Iżda hawn xiħadd ġenwinament jazzarda jgħid li r-riżultati ta' din il-ġimgħa ma kinux mistennija? Fil-fehma tiegħi, iċ-ċokon tagħna joħroġ ħafna aktar fuq il-livell ta' klabbs. U dan ngħidu mingħajr diżrispett lejn ix-xogħol kbir li jwettqu matul is-sena (ħafna drabi senza interessi) dawk kollha involuti. Għall-kuntrarju, inħoss empatija kbira għad-diżappunt li kull sena joħolqu dawn il-logħbiet. Minbarra xi sorpriża b'ċikka (Santa Coloma ta' l-Andorra rebħu lill-Maccabi Tel Aviv, imma stennew ftit it-tieni leg...), il-kompetizzjonijiet f'dan l-istadju rarament ikunu eċitanti. Ngħiduha kif inhi, huma maħsuba biex jeħilsu mit-timijiet iż-żgħar.

Ma jimpurtax. Il-logħba sabiħa fuq kull livell. Taqtigħa bejn il-Belt u l-Furjana tibqa' dejjem aktar eċitanti milli bejn il-Hibs u Vojvodina. Ingawdu dik u nilgħabuha tajjeb. Fil-bqija, nagħmlu li nistgħu.

Il-Ġimgħa, Lulju 13, 2007

Jilagħbu barra

Għal kull min isegwi l-futbol f'Malta, il-fatt li plejer Malti jmur jilgħab f'kampjonat barrani dejjem iqajjem interess partikolari. Fl-Ewropa ta' l-2007 dan m'għandux ikun xiħaġa daqstant rari. Iżda l-gżira gżira tibqa'. Xorta waħda, naħseb li qatt ma kellna daqshekk plejers jilagħbu barra fl-istess waqt daqs kemm għandna llum.

John Buttiġieġ kien stilla. Għamel ftit żmien ma' Brentford li fih ġie msellef lil Swindon. Gilbert Agius ukoll ma kellux wisq suċċess kemm ma' Blackpool kif ukoll ma' Pisa. F'ċirkostanzi bħal dawn nemmen li l-fortuna tilgħab parti importanti, u ċertament li fejn fallew dawn il-plejers ma kienx għaliex ma kinux biżżejjed ta' kalibru. Iżda min-naħa l-oħra, jidħlu elementi ta' attitudni, personalita' u psikoloġija, fatturi li żgur irnexxielu jegħleb il-Bużu l-ewwel fid-diviżjonijiet tad-dilettanti Taljani ma' Verbania u wisq aktar ma' Genk fil-Belġju, fejn saħansitra għamel erba' snin captain tat-tim.

Issa bla dubju dak is-suċċess jista' jintlaħaq u jinqabeż minn Michael Mifsud. Esperjenza ma' Kaiserslautern f'eta' żgħira bħal ma kellu mhix ċajta. Kelli x-xorti mmur narah fin-Norveġja ma' Lillestrom (waħda mill-bloggati tal-bidu) u kien jidher li huwa wieħed mill-aħjar plejers tal-klabb. Issa l-qabża għall-futbol Ingliż fiċ-Championship. Jekk wieħed isegwi ftit x'jingħad mill-partitarji, Mifsud diġa' huwa wieħed mill-favoriti fir-Ricoh Arena. L-istaġun li jmiss huwa kruċjali. Nawgurawlu.

Sadanittant, oħrajn ser jittantaw xortihom. Nemmen li anke meta l-plejers Maltin jittantaw xortihom anke f'diviżjonijiet verament baxxi barra minn Malta jkunu qegħdin jagħmlu tajjeb. Min hu verament ta' stoffa ċertament li għandu aktar ċans jolqot l-għajn. Hija sfortuna tal-gżira li tgħodd għal kull qasam, wisq aktar il-prestazzjoni ta' atleta. Barra minn hekk, anke l-fatt biss li plejer ikun espost għal metodi, attitudni u sfidi ġodda huwa pożittiv. Andre' Schembri ser ikun jilgħab ma' Entiracht Braunschweig fir-Regionalliga Nord, it-Tielet Diviżjoni Ġermaniża maqsuma ġeografikament. Haber qisu ma saddad imkien...il-Bulgarija kienet l-ewwel esperjenza, US Quevilly forsi kien livell baxx wisq. Ma' Virton milli stjat insegwi naħseb li ġera qabel ma beda jimxi. Id-diskors fuq trasferiment ulterjuri ma' tim aħjar minn qabel ma stabbilixxa ruħu fit-tim naħseb li m'għamillux ġid. Issa l-avventura fil-Greċja. Nawgurawlu wkoll. Il-mixja kostanti lejn livell ogħla trid tkun sostnuta minn prestazzjonijiet tajbin u kontinwi. Il-bqija jiġi waħdu.

Is-sitwazzjoni għal oħrajn qisha għadha mhux daqstant magħrufa. Gilbert Agius qiegħed jissemma' li jista' jingħaqad ma' tim Żvediż għal ftit xhur (Enkopings SK fit-Tieni Diviżjoni). Dejjem esperjenza, għalkemm Gilbert jidher li qalbu marbuta wisq mal-Belt. Luke Dimech jista' jerġa jingħaqad ma' tim Ingliż u Bogdanovic għandu ċ-ċansijiet tajbin tiegħu wkoll. Iżda hemm ukoll il-pożittiv fi plejers aktar żgħażagħ. Andre' Agius għandu quddiemu staġun kruċjali ma' Messina (jew mat-tim lil min isellfuh) filwaqt li oħrajn iżgħar jidher li qegħdin ikunu esposti mhux ħażin lilhinn mix-xatt.

Nipprova nsegwi kemm nista'...

L-Erbgħa, Lulju 11, 2007

Għall-Belt dis-sena?

Orrajt, mela ejja nibdew nieħdu naqra gost inħejju ruħna għall-istaġun li jmiss għax id-dwejjaq li jkun hawn meta l-gazzetti jibdew jitqanżħu biex isibu xiħaġa ġdida xi jgħidu fuq il-futbol irridu negħlbuh b'xi mod.

Il-kampjonat Malti sar qisu dak Norveġiż, bażikament bilkemm jieqaf fis-sajf. Fix-xemx taqli l-ankri ta' Lulju jkunu qegħdin fil-preseason(!) u diġa' għandna tim barra mill-Intertoto (iva, ta' l-istaġun 07/08).

Imma...kellna naqra trasferimenti interessanti u kollox jindika li l-Belt ikkargati li jikkompetu għall-unuri. Ir-raġuni hija ovvja...hemm il-boqxiex. Għalina li noqogħdu ċiċċi beqqi tajjeb, għax l-affarijiet isiru daqsxejn aktar interessanti. Il-Ġermaniż il-ġdid għad irridu nara x'isarraf, imma plejers bħal Monesterolo, Giglio, Scicluna u Hogg huma garanzija mhux ħażin. Iżda xorta waħda għad hemm min jikkompeti...Sliema, Hibs u Marsaxlokk jibqgħu pretendenti kredibblli.

U għar-relegazzjoni? Possibbli l-Furjana ħa jerġgħu joqogħdu jitmieku fir-Relegation Pool? Ftit hemm x'jindika l-kuntrarju...u onestament ngħid ħasra. Fid-diviżjonijiet inferjuri għadni ma segwejtx biżżejjed biex inkun aġġornat. Normalment ukoll ikun hemm min jindika l-miri tiegħu billi jingaġġa numru ta' plejers.

Iġri jibda l-futbol milgħub!